PJAN GĦAL TNAQQIS FIT-TRAFFIKU GĦAL ŻMIEN L-ISKOLA

Поділитися
Вставка
  • Опубліковано 19 вер 2024
  • ONE.COM.MT • Mill-ġimgħa d-dieħla tibda l-iskola u Transport Malta qed tieħu sensiela ta’ miżuri biex tnaqqas l-interruzzjonijiet tat-traffiku u tiżgura toroq aktar siguri.
    Insegwu f’dan is-servizz.
    KITBA: SHANAYA FARRUGIA
    FILMAT: ARKIVJI / DORIAN BORG
    Hekk kif ftit tal-jiem oħra eluf ta’ studenti u edukaturi se jirritornaw lura lejn l-iskola jew istituzzjonijiet edukattivi oħra, Transport Malta nediet pjan biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku matul l-aktar ħinijiet kritiċi tal-ġurnata.
    Waqt sessjoni mal-ġurnalisti, rappreżentanti ta’ Transport Malta qalu li f’dan kollu hemm kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet oħrajn fosthom il-Pulizija, Infrastructure Malta u l-kunsilli lokali, dan biex mhux biss jitnaqqas il-ħin ta’ stennija fit-traffiku imma ħalli wkoll jinstabu soluzzjonijiet aktar fit-tul.
    Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia spjega li fost l-ewwel deċiżjonijiet li ttieħdu kienu li b’effett immedjat ġew imwaqqfa kwalunkwe permessi ġodda ta’ xogħlijiet fit-toroq li huma qrib l-iskejjel jew toroq maġġuri li jista’ jkollhom effett fuq it-traffiku kemm f’raħal partikolari u anka f’toroq maġġuri f’pajjiżna fl-aktar ħinijiet kritiċi mis-sitta ta’ sad-disgħa u nofs ta’ filgħodu.
    Ma’ dan Transport Malta qed tikkonsulta mal-kunsilli lokali biex ma jkunx permessibli li jkun hemm toroq magħluqin minħabba lifters jew crains li jkunu ta’ żgombru fit-toroq fl-aktar ħinijiet kritiċi.
    Intqal li sar ukoll xogħol ta’ aġġustament f’diversi postijiet, li mhumiex maġġuri imma kruċjali.
    Sadanittant, Farrugia spjega ma’ ONE News il-ħidma mill-att ta’ infurzar hekk kif mill-ġimgħa d-dieħla wkoll se naraw ħafna iktar uffiċjali tat-traffiku fit-toroq biex jimmaniġjaw it-traffiku.
    KURT FARRUGIA
    KAP EŻEKUTTIV, TM
    “Min-naħa l-oħra mill-att ta’ infurzar, se jkollna madwar ħamsa u ħamsin uffiċjal mal-junctions importanti biex flimkien mal-LESA u l-Pulizija li se jkunu qed jieħdu punti kritiċi oħra, sabiex anka fit-toroq ikollna ħafna iktar flow u mmaniġjar tat-traffiku aħjar. Kif ukoll ħa jkollna uffiċjali bil-muturi li ħa jkunu qed jagħmlu patrolling anka jekk ikun hemm aċċident fit-toroq kemm jista’ jkun inċaqalquhom malajr.”
    Transport Malta se tkun qed tipprovdi wkoll servizzi ta’ Tow Truck bla ħlas f’każ ta’ vetturi wieqfa fit-toroq.
    Ġie rrimarkat li jekk xufiera ma jimxux mal-liġijiet stipulati tat-toroq Maltin, se jkunu qed jittieħdu l-passi meħtieġa bil-liġi.
    Spunt importanti li ħareġ kien li l-infurzar se jkompli jsir ukoll fuq il-veloċità tal-vetturi minħabba s-sigurtà tat-tfal li jkunu qegħdin barra l-iskejjel fil-ħinijiet ta’ filgħodu u wara nofsinhar.
    Se jkun hemm mezzi avvanzati bħal apps biex Transport Malta jikkomunika aħjar man-nies bi tliet binarji partikolari fosthom aġġornamenti tat-traffiku fuq ir-radju, fuq il-midja soċjali u kampanji edukattivi.
    Kurt Farrugia enfasizza kif il-prijorità ta’ Transport Malta hija li tissalvagwardja l-interessi ta’ dawk kollha li jsuqu u jivvjaġaw fit-triq filwaqt li l-istudenti, il-ġenituri, u l-għalliema jkunu jistgħu jivvjaġġaw lejn u mill-iskola b’mod effiċjenti u sigur.
    KURT FARRUGIA
    KAP EŻEKUTTIV, TM
    “Id-duble parking, ipparkjar ħażin, dak li jkun iwaqqaf il-flow tat-traffic allura qed iweġġa’ il-flow, hemmek naħseb li permezz ta’ edukazzjoni u anka infurzar dak li jkun qed jgħin li t-traffiku ma jiġġamjax. Dawn huma affarijiet li ħa nkunu qed nagħmlu b’mod kontinwu mhux biss għal back to school jew minħabba r-ritorn lura tat-tfal fl-iskejjel imma anka matul is-sena.”

КОМЕНТАРІ • 1