IL-PM JINAWGURA DAR GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ

Поділитися
Вставка
  • Опубліковано 8 вер 2024
  • ONE.COM.MT • Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura dar fil-komunità għal persuni b’diżabilità mill-Fondazzjoni Nazareth. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru hekk kif ġie spjegat li Dr Abela, waqt l-inawgurazzjoni, mhux biss tkellem dwar l-importanza li kulħadd ħaqqu jgħix ħajja ta’ kwalità u b’mod dinjituż, iżda saħaq dwar l-appoġġ lejn il-volontarjat, aspett b’saħħtu ħafna f’din il-fondazzjoni.
    Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern jibqa’ mpenjat li jkompli jappoġġja u jinċentiva għaqdiet volontarji fil-ħidma imprezzabbli li jwettqu.
    Hu semma ftehimiet regolari li jsiru bejn il-Gvern u l-għaqdiet volontarji, inkluż ieħor li għadu kif beda għat-tliet snin li ġejjin bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni Nazareth biex din tibqa’ tiġi mgħejjuna fil-ħidma soċjali importanti li twettaq.
    Madankollu l-Prim Ministru qal li l-Gvern irid jibqa’ jinċentiva l-volontarjat b’modi oħrajn ukoll.
    F’dan il-kuntest tkellem dwar bidla li qed iġib il-Gvern għas-settur tal-volontarjat biex jissaħħaħ u dwar din ir-riforma diġà saret konsultazzjoni pubblika fejn bħalissa qed jiġu analizzati mat-300 proposta li tressqu.
    Il-Prim Ministru kompla li dan is-settur hu sieħeb strateġiku fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna u l-Gvern irid joffri l-appoġġ lejn il-volontarjat b’aktar simplifikazzjoni ta’ proċessi u inqas burokrazija. Fil-fatt, innota kif dawn il-ħsibijiet jesprimu proposti mressqa minn stakeholders fis-settur.
    Sadanittant il-Prim Ministru rrimarka x-xogħol kbir li twettaq il-Fondazzjoni Nazareth li tmexxi erbat idjar għal persuni b’diżabilità fil-komunità u tgħinhom fl-indipendenza fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
    Hu qal li “Dar San Franġisk hi eżempju ħaj ta’ kif ħidma tal-voluntieri, flimkien ma’ dik tal-professjonisti twassal għal titjib soċjali ta’ persuni differenti”, filwaqt li rrefera wkoll għal laqgħa li kellu mal-ħaddiema u persuni li jgawdu mill-ġid kbir li twettaq il-Fondazzjoni Nazareth imwaqqfa minn Dun Anġ Seychell u llum il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca tmexxi l-bord tal-istess fondazzjoni.
    Waqt l-inawgurazzjoni tkellmet ukoll il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, fejn saħqet kif dan il-proġett jirrifletti l-impenn sod tal-Gvern li jkompli jappoġġja s-settur volontarju, li hu l-qalb u r-ruħ tal-komunità tagħna.
    Fil-fatt sostniet kif is-sħubija mal-Fondazzjoni Nazareth, imsaħħa bi ftehimiet li jaqbżu t-€2.5 miljun, tenfasizza x-xogħol kbir li qed isir biex jiġu mgħejjuna ċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli.

КОМЕНТАРІ •