IL-KIRKOP SUMMER FEST FI TMIEM IL-ĠIMGĦA

Поділитися
Вставка
  • Опубліковано 8 вер 2024
  • ONE.COM.MT • Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li ġejjin fil-parkeġġ tal-Iskola Medja Kulleġġ San Benedittu se jerġa’ jittella’ l-Kirkop Music Fest mis-Soċjetà Mużikali San Anard, bis-sehem ta’ tribute bands rinomati u DJs lokali.
    KITBA: JOSEF CARUANA
    FILMAT: MHAL
    Il-festival, li fl-aħħar snin attira eluf ta’ ammiraturi tal-mużika tal-passat lejn ir-raħal ta’ Ħal Kirkop, il-Kirkop Music Fest, se jirritorna fi tmiem din il-ġimgħa, b’edizzjoni akbar minn dawk li għaddew.
    Mifrux fuq jumejn, il-Ġimgħa u s-Sibt, il-festival din id-darba se jara s-sehem ta’ żewġ tribute bands rinomati internazzjonalment talli jinterpretaw is-suċċessi ta’ żewġ gruppi kbar - Coldplay u The Beatles. Magħhom jingħaqdu numru ta’ DJs u preżentaturi popolari Maltin.
    Magħrufin fl-aħħar snin għal The 80s & 90s Music Festival, il-Kirkop Summer Fest hu s-seba’ festival imħejji minn K Music Events u s-Soċjetà Mużikali San Anard, bl-appoġġ tal-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
    Din is-sena l-organizzaturi ħasbu għal avveniment akbar mis-soltu u differenti minn edizzjonijiet preċedenti, għax mhux se jibqa’ fuq ġurnata waħda biss.
    Anke jekk bħas-soltu se jibqa’ b’xejn, il-festival se jerġa’ jikkontribwixxi għall-karità u se jkunu qed jinġabru fondi b’risq il-ħidma sfieqa tal-organizzazzjoni Inspire, li tispeċjalizza f’għajnuna lil dawk fuq l-ispettru tal-awtiżmu, b’diffikultajiet profondi fit-tagħlim u b’aġir diffiċli.
    Fl-ewwel jum, il-festival jippreżenta t-tribute band uffiċjali ta’ Coldplay, Live in Technicolor, waqt li jieħdu sehem ukoll id-DJs lokali Sheron, Zrinz, Sue u Ziggy.
    Is-Sibt, imbagħad, il-ħsieb imur lejn persuni aktar maturi fejn se jkun hemm tribute band oħra uffiċjali, din id-darba tal-Beatles, bl-isem The Fab 4. Magħhom jingħaqdu d-DJs Alex Tonna, Alex Reflex Grech u Ryan Spiteri.
    F’kummenti waqt it-tnedija uffiċjali tal-festival mużikali, il-Ministru Owen Bonnici tenna li dan hu ġest kbir ta’ solidarjetà.
    OWEN BONNICI
    MINISTRU
    “Aħna nappoġġjaw b’saħħitna kollha inizjattivi bħal dawn, fejn għandek għaqda mużikali Maltija, f’dan il-każ is-Soċjetà Mużikali San Anard ta’ Ħal Kirkop, li qed tagħmel kunċert biex jinġabru fondi li jmorru għal għaqda mhux governattiva oħra. Din hi espressjoni mill-isbaħ ta’ solidarjetà. Allura nħeġġu lin-nies biex jattendu għal dan l-avveniment mill-isbaħ biex il-fondi li jinġabru jmorru għall-organizzazzjoni Inspire. Ukoll din hi opportunità biex jiġi esebit mhux biss talent barrani imma anke talent lokali, li aħna nemmnu ħafna fih u rridu li jkompli jimxi ’l quddiem.”
    Il-kunċerti jibdew mit-8:00 ta’ filgħaxija fil-parkeġġ tal-Iskola Medja tal-Kulleġġ San Benedittu.

КОМЕНТАРІ •